L-Attakki tal-Qalb
INGLIŻ / MALTI
X’inhu attakk tal-qalb?
Ikollna attakk tal-qalb meta waħda mill-arterji prinċipali li twassal id-demm għall-qalb tinstadd għalkollox. L-arterji tal-qalb jistgħu jimirdu meta jinġema’ x-xaħam fihom. Dan il-mard tal-arterji tal-qalb jissejjaħ ukoll coronary artery disease (CAD).
L-arterja tinstadd meta biċċa minn dan ix-xaħam magħqud tinqala’ minn mal-ħajt tal-arterja u ssoddha. Din twassal għal nuqqas ta’ demm u ossiġnu fil-qalb, li huma essenzjali biex taħdem sew. Għalhekk, din hi marda kiefra.
X’jagħmilni aktar f’riskju li jkolli attakk tal-qalb?
Livell għoli ta’ kolesterol
Il-pressjoni tad-demm għolja
It-tipjip
Id-dijabete
In-nuqqas ta’ attività fiżika
L-obeżità
Storja ta’ mard tal-qalb fil-familja
Il-konsum tal-alkoħol
L-età avvanzata
Is-sess maskili
Xi nħoss jekk jaqbadni attakk tal-qalb?
Is-sintomi jvarjaw minn persuna għal oħra, imma l-aktar sintomi komuni huma:
uġigħ jew skumdità fis-sider li jiġi f’daqqa u jippersisti. Dan, ġeneralment, ikun fuq in-naħa tax-xellug tas-sider;
uġigħ li jaf jinfirex lejn id-dirgħajn, l-għonq, id-dahar u l-istonku; u
sintomi oħra, bħal dardir u remettar, sturdament, qtugħ ta’ nifs u tħoss l-għaraq ixoqq għalik.
F’sitwazzjonijiet rari, il-pazjent jaf ma jħoss xejn jew iħossu ftit mhux f’sikktu. Din taf tiġri fl-anzjani jew f’min ibati biz-zokkor (dijabete).
X’għandi nagħmel jekk naħseb li qed jagħtini attakk tal-qalb?
Ċempel 112 għall-ambulanza.
Itlob l-għajnuna mingħand ta’ madwarek.
Ibqa’ kalm/a u stenna l-ambulanza tasal.
X’jiġrili l-isptar?
L-isptar isirulek testijiet varji, fosthom:
ECG – test li juri kif ikun għaddej l-elettriku tal-qalb, u li jista’ juri sinjali ta’ attakk tal-qalb.
Testijiet tad-demm: it-troponina hi markatur tad-demm li jista’ jindika xi ħsara fil-muskolu tal-qalb.
Ekokardjogramma: ultrasound tal-qalb li jista’ jintuża fl-evalwazzjoni tal-funzjoni tal-qalb.
L-għan tal-kura ta’ attakk tal-qalb hu li d-demm jerġa’ jibda jiċċirkola lejn dik il-parti tal-qalb li jkollha nuqqas ta’ demm minħabba arterja misduda. Dan jista’ jsir b’diversi metodi:
Anġjoplastika koronarja: l-arterja tinfetaħ b’molla.
Tromboliżi: tingħata mediċina apposta li tgħin lid-demm magħqud jinħall u b’hekk terġa’ tinfetaħ l-arterja.
Operazzjoni tal-bypass tal-qalb: iċ-ċirkolazzjoni lejn dik il-parti tal-qalb misduda terġa’ tiġi għan-normal b’arterja jew b’vina li tittieħed minn parti oħra tal-ġisem u titpoġġa fil-qalb.
Kif nirkupra wara attakk tal-qalb?
Attakk tal-qalb ma jaffettwax lil kulħadd l-istess. Hemm min jirkupra malajr, imma hemm min ikollu konsegwenzi fit-tul minħabba problemi fil-muskolu tal-qalb.
Wara li tkun qattajt ftit jiem l-isptar, tintbagħat lura d-dar meta tkun f’saħħtek.
Jinbdewlek mediċini li jgħinuk tipprevjeni attakk tal-qalb ieħor.
Tiġi rreferut/a għal programm ta’ riabilitazzjoni kardijaka – dan isir l-isptar u jgħin lill-pazjenti jgħixu ħajja aħjar ħalli jnaqqsu r-riskju ta’ attakki oħra tal-qalb.
Wara attakk tal-qalb jaf ikollok bżonn appoġġ psikoloġiku – tkellem mat-tabib tal-familja.
X’nista’ nagħmel biex innaqqas ir-riskju li jkolli attakk tal-qalb?
Ara li jkollok dieta tajba.
Aqta’ t-tipjip – uża s-servizzi lokali li jgħinuk tieqaf tpejjep. Ħu l-parir tat-tabib.
Ikkontrolla l-livell taz-zokkor jekk tbati bid-dijabete.
Naqqas il-konsum tal-alkoħol.
Agħmel l-eżerċizzju regolarment – uża t-taraġ minflok il-lift, imxi sal-ħwienet minflok tuża l-karozza. Huwa rrakkomandat li tagħmel mill-inqas madwar 150 minuta ta’ eżerċizzju ta’ intensità moderata fil-ġimgħa.
Iċċekkja u kkontrolla l-pressjoni.
Ikkontrolla l-kolesterol.
Ara li jkollok piż tajjeb.
Punti ewlenin
Ikollok attakk tal-qalb meta f’daqqa waħda tinstaddlek arterja li twaqqaf iċ-ċirkolazzjoni tad-demm lejn il-qalb.
Jekk tħoss uġigħ qawwi f’daqqa, hemm ċans li jkun ġej minħabba attakk tal-qalb. Ħu ħsiebu minnufih.
Il-perjodu ta’ wara attakk tal-qalb huwa żmien importanti biex tevita attakk tal-qalb ieħor.
Biex tevita attakk tal-qalb m’hemmx aħjar milli tieħu ħsieb saħħtek bil-mod kif tgħix.
GĦAJNUNA
Jekk għandek xi mistoqsija dwar dan il-fuljett, ikkuntattjana fuq info@maltaheartfoundation.org jew mill-paġna ta’ Facebook tagħna.
Dan l-artiklu ġie miktub minn Dr. Claire Attard u editjat minn Dr. Neil Grech, b’kollaborazzjoni mad-Dipartiment tal-Malti ġewwa L-Universita ta’ Malta flimkien mal-Malta Heart Foundation u il-Maltese Cardiac Society.