L-Anġina - Uġigħ fis-Sider
INGLIŻ / MALTI
L-uġigħ fis-sider mhux dejjem perikoluż u jista’ jkun:
• ġej mill-qalb jew
• mhux ġej mill-qalb.
X’inhuma l-kawżi ta’ wġigħ fis-sider meta jkun ġej mill-qalb?
Waqt attakk tal-qalb, l-arterja tal-qalb, jew waħda mill-fergħat iżgħar tagħha, tinstadd u twaqqaf id-demm milli jmur f’xi partijiet tal-qalb. Tħoss uġigħ jew għafis fis-sider, anke waqt li tkun mistrieħ. L-attakk tal-qalb huwa każ ta’ emerġenza u jekk din l-arterja ma tinfetaħx mill-iktar fis, tista’ tmut parti mill-muskolu tal-qalb.
• Anġina
L-anġina normalment isseħħ meta l-arterji tal-qalb jibdew jidjiequ minħabba d-depożiti ta’ xaħam li jnaqqsu d-demm li jkun sejjer lejn il-qalb.
Meta l-arterji ma jinstaddux għalkollox ngħidu li jkun hemm aterosklerożi.
Meta l-qalb taħdem aktar ─ ngħidu aħna, waqt l-eżerċizzju ─ il-muskolu tal-qalb ikollu bżonn aktar demm u ossiġnu. Jekk l-ossiġnu u n-nutrijenti żejda ma jkunux jistgħu jitwasslu, in-nuqqas ta’ provvista tad-demm lejn il-qalb twassal għal uġigħ fis-sider.
F’dan il-każ, l-uġigħ ġeneralment jonqos bil-mistrieħ. Din tissejjaħ anġina stabbli.
Uġigħ li ma jittaffiex bil-mistrieħ jissejjaħ anġina instabbli, u din spiss tindika li jkun ġej attakk tal-qalb.
L-uġigħ tal-anġina jista’ jkollu kawżi oħra mhux kardijaċi li jġiegħlu l-qalb tħabbat aktar. L-ansjetà jew id-deni huma żewġ xenarji komuni.
Jekk tħoss xi sintomu/i minn dawn huwa rrakkomandat li tfittex parir mediku mill-ewwel.
X’jista’ jżid ir-riskju tal-mard tal-qalb?
1. Livell għoli ta’ kolesterol
2. Il-pressjoni tad-demm għolja
3. It-tipjip
4. Id-dijabete
5. In-nuqqas ta’ attività fiżika
6. L-obeżità
7. Storja ta’ mard tal-qalb fil-familja
8. Il-konsum tal-alkoħol
9. L-età avvanzata
10. Is-sess maskili
Kawżi oħra, inqas komuni, ta’ wġigħ fis-sider relatat mal-qalb huma l-perikardite (infjammazzjoni tal-membrana li ddawwar il-qalb) u l-mijokardite (infjammazzjoni tal-muskolu tal-qalb).
Liema wġigħ u sintomi mhumiex relatati mal-qalb?
• Uġigħ meta tagħfas is-sider
• Uġigħ meta tieħu n-nifs jew meta tisgħol
• Uġigħ meta tbiddel il-pożizzjoni tal-ġisem
• Sensazzjoni ta’ ħruq fil-ħalq u togħma qarsa
• Meta ttella’ l-ikel li tkun kilt
• Diffikultà meta tiġi biex tibla’
X’inhuma l-iktar kawżi komuni ta’ wġigħ fis-sider li mhumiex relatati mal-qalb?
• Uġigħ fil-muskoli: il-muskoli tas-sider jgħinuk tieħu n-nifs. Wara xi trawma jew meta tiġġebbed iżżejjed, ngħidu aħna wara li terfa’ xi oġġett tqil, tista’ tħoss dan l-uġigħ fis-sider li jiżdied meta tiċċaqlaq u meta tieħu n-nifs.
• Ansjetà u stress: din hija kawża komuni ta’ wġigħ fis-sider li jista’ jkun pjuttost qawwi.
• Stonku: l-aċtu fl-istonku jikkawża infjammazzjoni tal-kisja tal-istonku u/jew tal-pajp tal-ikel (esofagu). Tħoss ħruq f’ħalqek, ikollok togħma qarsa u titfewwaq ta’ spiss.
• Għadam u ġogi: infjammazzjoni ta’ wieħed mill-ġogi tal-kustilji li juġgħak aktar maċ-ċaqliq u man-nifs. Din tissejjaħ kostokondrite. Kawża oħra tinkludi trawma f’xi kustilja.
• Pulmun
o Meta tinstadd xi waħda mill-arterji tal-pulmun (emboliżmu).
o Meta l-pulmun ma jibqax jaħdem (pnewmotoraċi).
o Dawn it-tnejn jikkawżaw uġigħ qawwi fis-sider meta tieħu n-nifs, u qtugħ ta’ nifs.
• Pankreatite: infjammazzjoni tal-frixa.
• Dissezzjoni Aortika: tiċrita fl-arterja ewlenija li toħroġ mill-qalb, li biha jista’ anki juġgħek dahrek.
Punti Ewlenin
•Uġigħ f’daqqa u qawwi fis-sider jista’ jfisser attakk tal-qalb, u dan ikun każ ta’ emerġenza.
L-anġina hija wġigħ fis-sider li jinħass meta timxi u jonqos wara li tistrieħ. Mhix każ ta’ emerġenza, imma ara lit-tabib tiegħek kemm jista’ jkun malajr.
Żomm f’moħħok kawżi oħra ta’ wġigħ fis-sider li mhumiex assoċjati mal-qalb.
Għix ħajja sana ħalli tevita kumplikazzjonijiet relatati mal-qalb.
GĦAJNUNA
Jekk għandek xi mistoqsija dwar dan il-fuljett, ikkuntattjana fuq info@maltaheartfoundation.org jew mill-paġna ta’ Facebook tagħna.
Dan l-artiklu ġie miktub minn Dr. Peter Cassar u editjat minn Dr. Neil Grech, b’kollaborazzjoni mad-Dipartiment tal-Malti ġewwa L-Universita ta’ Malta flimkien mal-Malta Heart Foundation u il-Maltese Cardiac Society.