Mard fil-Familja
INGLIŻ / MALTI
X’inhu l-mard kardjovaskulari?
Il-mard kardjovaskulari (CVD) huwa grupp ta’ kundizzjonijiet li jaffettwaw il-qalb u l-arterji, u jinkludi:
• mard tal-arterji tal-qalb – nuqqas ta’ ċirkolazzjoni tad-demm lejn il-qalb li jikkawża anġina u attakk tal-qalb;
• mard tal-arterji periferali – ċirkolazzjoni limitata ta’ demm lejn l-idejn u s-saqajn li tikkawża l-ulċeri; u
• mard ċerebrovaskulari – nuqqas ta’ ċirkolazzjoni tad-demm lejn il-moħħ li jikkawża puplesija.
Il-mard kardjovaskulari hu l-kawża numru wieħed tal-imwiet fid-dinja u 85% minn dawn l-imwiet huma relatati direttament mal-attakki tal-qalb u l-puplesiji.
X’inhuma l-fatturi li jqegħduk f’riskju għall-mard kardjovaskulari?
B’xorti tajba, ħafna CVDs jistgħu jiġu evitati. Dan jista’ jsir billi jiġu kkurati u indirizzati r-riskji magħrufa bħala modifikabbli, li huma:
livell għoli ta’ kolesterol;
pressjoni tad-demm għolja;
it-tipjip;
id-dijabete;
in-nuqqas ta’ attività fiżika;
l-obeżità; u
il-konsum tal-alkoħol.
Min-naħa l-oħra, hemm fatturi ta’ riskju li ma jistgħux jinbidlu. Fost dawn il-fatturi mhux modifikabbli hemm:
il-fatt li l-familja jkollha storja ta’ mard tal-qalb;
l-età avvanzata;
is-sess maskili; u
ir-razza u l-etniċità: pereżempju, l-Afro-Amerikani huma f’riskju ikbar għas-CVD.
Għaliex il-mard kardjovaskulari fil-familja jżid ir-riskju ta’ dan it-tip ta’ mard?
Il-materjal ġenetiku tiegħek (il-ġeni) jgħaddi għandek mill-ġenituri u jiffurmalek iċ-ċelloli. Il-ġeni tiegħek jiddeterminaw kif tidher u kif jaħdem ġismek. F’ċerti każi, li jkollok ġenitur bijoloġiku li jbati b’ċerti kundizzjonijiet iżidlek ir-riskju li tiżviluppa l-istess kundizzjonijiet. Dan huwa differenti minn kundizzjoni li tintiret, jiġifieri meta ġene difettuż (mutat) jintiret direttament mill-materjal ġenetiku tal-ġenituri tiegħek.
Il-mard kardjovaskulari fil-familja jkun sinifikanti jekk:
• ħuk jew missierek ikunu jbatu bil-mard kardjovaskulari qabel l-età ta’ 55 sena; u/jew
• oħtok jew ommok ikunu jbatu bil-mard kardjovaskulari qabel l-età ta’ 65 sena.
X’għandi nagħmel jekk għandi l-mard kardjovaskulari fil-familja?
Li jkollok storja ta’ CVD fil-familja ma jfissirx bilfors li se tibda tbati bis-CVD inti wkoll. Sfortunatament, il-mard kardjovaskulari fil-familja huwa riskju li ma jistax jiġi modifikat, għalhekk trid tara kif tista’ tnaqqas ir-riskji li jistgħu jiġu modifikati:
Ara li jkollok dieta tajba.
Aqta’ t-tipjip – uża s-servizzi lokali li jgħinuk tieqaf tpejjep. Itlob il-parir tat-tabib dwar dan.
Jekk tbati bid-dijabete, ikkontrolla l-livell taz-zokkor.
Naqqas il-konsum tal-alkoħol.
Agħmel l-eżerċizzju regolarment – uża t-taraġ minflok il-lift, imxi sal-ħwienet minflok tmur bil-karozza. Huwa rrakkomandat li tagħmel mill-inqas 150 minuta eżerċizzju ta’ intensità moderata fil-ġimgħa.
Iċċekkja u kkontrolla l-pressjoni.
Ikkontrolla l-livell tal-kolesterol.
Qis li jkollok piż xieraq.
Tkellem mat-tabib tal-familja jekk għandek xi mistoqsija fuq xi mard fil-familja.
Punti ewlenin
• Jekk ikollok il-mard kardjovaskulari fil-familja ma jfissirx li żgur se jkollok mard kardjovaskulari int ukoll.
• L-għan ewlieni tiegħek għandu jkun li tgħix ħajja sana.
• Naqqas il-fatturi tar-riskju li tista’ tikkontrolla.
GĦAJNUNA
Jekk għandek xi mistoqsija dwar dan il-fuljett, ikkuntattjana fuq info@maltaheartfoundation.org jew mill-paġna ta’ Facebook tagħna.