In-Nuqqas ta’ Attività Fiżika
INGLIŻ / MALTI
Fl-2018, f’Malta kien hawn 36% biss tal-adulti, ta’ bejn it-18 u l-64 sena, li laħqu l-livell rakkomandat ta’ attività fiżika.
Xi jfisser nuqqas ta’ attività fiżika?
B’nuqqas ta’ attività fiżika nifhmu li persuna ma tħaddimx ġisimha daqskemm huwa rrakkomandat.
Ġeneralment, dan jiġri għax il-persuna tkun tgħix ħajja sedentarja u tqatta’ żmien twil bilqiegħda fl-istess pożizzjoni, bħal meta ddum tara t-televixin, quddiem il-kompjuter jew taqra.
Li tkun attiv ma jfissirx biss li tmur tiġri jew il-gym, imma li tagħmel ukoll l-attivitajiet ta’ kuljum, bħal meta tagħmel ix-xogħol tad-dar, iġġorr ix-xirja, titla’ t-taraġ u tmur xi mixja.
Għaliex għandi nkun attiv/a?
In-nuqqas ta’ attività fiżika hu riskju għall-mard kardjovaskulari (il-mard tal-arterji tal-qalb u l-moħħ li jista’ jwassal għal attakk tal-qalb jew puplesija), bħall-pressjoni għolja, il-livell għoli ta’ xaħam fid-demm u t-tipjip.
Meta tqatta’ ħafna ħin bilqiegħda għal żmien twil, ix-xaħam fid-demm jiddepożita ruħu fl-arterji li jwasslu l-ossiġnu lill-organi tal-ġisem: kundizzjoni magħrufa bħala aterosklerożi. Meta dawn l-arterji jinstaddu għalkollox jista’ jtik attakk tal-qalb jew puplesija.
Il-qalb hija muskolu li għandu bżonn l-eżerċizzju biex jibqa’ f’saħħtu u biex ikun jista’ jippompja d-demm madwar il-ġisem.
X’inhuma l-benefiċċji li tkun attiv/a?
L-attività fiżika hija ta’ benefiċċju b’diversi modi:
Tipprevjeni l-mard tal-qalb.
Tnaqqas ir-riskju tal-pressjoni għolja fid-demm, id-dijabete u l-puplesija.
Tnaqqas il-livell tal-kolesterol il-ħażin u żżid il-livell tal-kolesterol it-tajjeb.
Tgħinek iżżomm piż tajjeb.
Tgħinek tnaqqas l-istress u t-tensjoni.
Tgħinek tibqa’ b’saħħtek u tgħix aħjar għax ittejjiblek il-burdata, il-konċentrazzjoni, il-memorja kif ukoll tgħinek torqod aħjar.
Kemm għandi nkun attiv/a?
Mill-inqas sagħtejn u nofs ta’ eżerċizzju moderat fil-ġimgħa.
Il-mixi mgħaġġel, iż-żfin, l-għawm, il-ġiri u l-irfigħ tal-piżijiet huma tipi ta’ eżerċizzju moderat.
Agħmel mezz li tkun attiv/a kuljum.
Kull attività, żgħira kemm hi żgħira, dejjem aħjar mix-xejn.
Matul il-ġurnata tista’ żżomm ruħek attiv/a billi timxi, tiżfen, iġġorr ix-xirja u titla’ t-taraġ, fost oħrajn.
Punti ewlenin
Meta tgħix ħajja sana, tkun qed iżżomm ruħek f’saħħtek u tnaqqas sew ir-riskju tal-mard tal-qalb.
Agħmel mezz li tkun attiv/a kuljum.
Kull attività, żgħira kemm hi żgħira, dejjem aħjar mix-xejn.
L-għan tiegħek għandu jkun li tagħmel eżerċizzju moderat ta’ mill-inqas 30–60 minuta minn tlett ijiem sa erbgħa fil-ġimgħa.
GĦAJNUNA
Jekk għandek xi mistoqsija dwar dan il-fuljett, ikkuntattjana fuq info@maltaheartfoundation.org jew mill-paġna ta’ Facebook tagħna.