L-Aterosklerożi
INGLIŻ / MALTI
X’inhi l-aterosklerożi?
L-aterosklerożi hi l-akkumulazzjoni ta’ materjal xaħmi (ateroma jew plakka) fil-kisi tal-vini (arterji).
Il-fatturi ta’ riskju li jaggravaw l-aterosklerożi jinkludu l-kolesterol għoli, il-pressjoni għolja, id-dijabete, l-obeżità, u t-tipjip.
Issir iktar komuni iżjed ma tixjieħ u jekk ikollok xi qraba li jbatu bl-aterosklerożi.
L-arterji jagħtu l-ossiġnu lill-organi, bħall-qalb u l-moħħ, ħalli jiffunzjonaw kif suppost.
L-aterosklerożi tal-arterji (koronarji) tal-qalb tissejjaħ marda iskemika tal-qalb.
X’inhuma l-konsegwenzi tal-aterosklerożi?
L-akkumulazzjoni tal-plakka tiggrava sakemm il-vina tingħalaq għalkollox.
L-aterosklerożi tista’ tkun bla sintomi sakemm imbagħad ikun tard wisq, għax l-arterja tista’ tinstadd f’daqqa.
Il-konsegwenzi jiddependu mill-grad u l-post. Uħud jistgħu jkunu fatali.
It-tidjiq gradwali tal-arterji li jsostnu l-qalb (l-arterji koronarji) jista’ jwassal għal anġina, li hi wġigħ fis-sider li jinħass waqt li tkun qed tagħmel eżerċizzju fiżiku għax fil-qalb ma jibdiex jasal biżżejjed ossiġnu.
Jekk l-arterji li jsostnu l-qalb ikunu misdudin għalkollox, jista’ jkollok attakk tal-qalb.
Jekk l-arterji li jsostnu l-moħħ jingħalqu, tagħtik puplesija.
L-uġigħ fir-riġlejn waqt l-eżerċizzju hu wkoll sinjal ta’ tidjiq tal-arterji li jipprovdu d-demm u l-ossiġnu lill-muskoli tas-saqajn.
Kif inkun naf għandix aterosklerożi?
Kellem lit-tabib tiegħek jekk tħoss xi sintomi msemmija hawn fuq.
Biex issir dijanjożi li tistabbilixxi għandekx aterosklerożi fil-qalb, jistgħu jkunu meħtieġa diversi testijiet:
L-istorja medika tiegħek.
Testijiet tad-demm.
Elettrokardjogramma (ECG) – reġistrazzjoni elettrika tar-ritmu tal-qalb.
Exercise stress test – l-ECG jittieħed waqt eżerċizzju fuq treadmill biex kwalunkwe sinjali mhux tas-soltu jiġi rreġistrat.
Tomografija kompjuterizzata (CT) tal-arterji koronarji – ritratt (li jinvolvi radjazzjoni minima) ta’ xbihat sezzjonali tal-arterji tal-qalb.
Ritratt MIBI tal-qalb – xbieha nukleari tal-qalb biex tkun iċċekkjata l-provvista tad-demm lejn il-muskoli tal-qalb.
Anġjogramma koronarja – proċedura invażiva fl-id jew fil-koxxa. Fl-arterji koronarji tiġi injetatta żebgħa apposta biex ikun jista’ jidher it-tidjiq tal-arterji.
Kif nista’ nipprevjeni u nnaqqas l-aterosklerożi?
Ara li jkollok dieta tajba.
Aqta’ t-tipjip – uża s-servizzi lokali li jgħinuk tieqaf tpejjep. Itlob il-parir tat-tabib.
Ikkontrolla l-livell taz-zokkor jekk tbati bid-dijabete.
Naqqas il-konsum tal-alkoħol.
Agħmel l-eżerċizzju regolarment – uża t-taraġ minflok il-lift. Imxi sal-ħwienet minflok tuża l-karozza. Huwa rrakkomandat li tagħmel mill-inqas 150 minuta eżerċizzju ta’ intensità moderata fil-ġimgħa.
Iċċekkja u kkontrolla l-pressjoni.
Ikkontrolla l-kolesterol.
Ara li jkollok piż tajjeb.
X’inhu t-trattament tal-mard iskemiku tal-qalb?
L-aterosklerożi mhix riversibbli u ma tistax titwaqqaf kompletament, madankollu l-effetti jistgħu jitnaqqsu jew jittejbu. Dan jista’ jsir billi:
tgħix ħajja sana u timxi mal-passi msemmija hawn fuq;
tieħu medikazzjoni li traqqaq id-demm jew li timmodifika l-fatturi ta’ riskju (għall-kura għad-dijabete, għall-pressjoni għolja mhux ikkontrollata, jew kolesterol għoli);
isirulek proċeduri invażivi bħal anġjoplastija koronarja (waqt anġjogramma koronarja tiddaħħal molla (stent) biex tiftaħ l-arterja) jew bypass tal-arterja koronarja (operazzjoni tal-qalb miftuħa li fiha tintuża vina tad-demm oħra biex tissostitwixxi l-arterja tal-qalb misduda).
Punti ewlenin
L-aterosklerożi hi t-tidjiq tal-arterji b’materjal xaħmi u b’ħafna kalċju.
Kellem lit-tabib tiegħek jekk tbati b’xi wġigħ fis-sider waqt li tkun qed tagħmel l-eżerċizzju.
Għix ħajja sana ħalli tevita u tnaqqas l-aterosklerożi.
GĦAJNUNA
Jekk għandek xi mistoqsija dwar dan il-fuljett, ikkuntattjana fuq info@maltaheartfoundation.org jew mill-paġna ta’ Facebook tagħna.
Dan l-artiklu ġie miktub minn Dr. Martina Cilia u editjat minn Dr. Neil Grech, b’kollaborazzjoni mad-Dipartiment tal-Malti ġewwa L-Universita ta’ Malta flimkien mal-Malta Heart Foundation u il-Maltese Cardiac Society.