L-Insuffiċjenza tal-Qalb
INGLIŻ / MALTI
X’inhi l-insuffiċjenza tal-qalb?
It-terminu insuffiċjenza tal-qalb (heart failure) jintuża spiss imma mhux dejjem nifhmuh tajjeb.
Il-qalb taħdem bħal pompa li tiċċirkula d-demm madwar il-ġisem.
Kultant, il-qalb tista’ ma tippompjax id-demm b’mod effiċjenti.
Dan ma jfissirx li l-qalb tkun waqfet taħdem għalkollox, imma ma tkunx qed taħdem tajjeb.
L-insuffiċjenza tal-qalb hija marda kronika li tista’ tiġi kkontrollata bil-kura u b’bidliet fl-istil tal-ħajja.
Il-marda tista’ toħroġ fi kwalunkwe età, imma hija aktar komuni fost l-anzjani.
Kemm hija komuni l-insuffiċjenza tal-qalb f’Malta?
L-insuffiċjenza tal-qalb hija pjuttost komuni lokalment u tolqot lil madwar 8,000 ruħ.
Din il-marda, li qed tiżdied b’rata allarmanti, tikkontribwixxi għal madwar 5.7% tal-imwiet kollha.
Xi tħoss jekk tkun qed issofri mill-insuffiċjenza tal-qalb?
Qtugħ ta’ nifs
Dgħufija u għeja
Nefħa fir-riġlejn li tibda mis-saqajn u titla’ ’l fuq
Il-maġġoranza ta’ dawn is-sintomi jiġu għax jiddgħajjef il-mekkaniżmu tal-pompa tal-qalb. Minħabba f’hekk jinġema’ l-ilma fil-pulmun, fis-saqajn, fl-għekiesi, fiż-żaqq u fid-dahar.
Xi jwassal għall-insuffiċjenza tal-qalb?
Pressjoni tad-demm għolja – maż-żmien, din tpoġġi pressjoni żejda fuq il-qalb.
Attakk tal-qalb – dan jagħmel ħsara lill-muskolu tal-qalb u għalhekk idgħajjef il-mekkaniżmu tal-pompa tal-qalb.
Kardjomijopatija ereditarja jew li taqbdek – marda tal-muskolu tal-qalb.
Fost il-kawżiet inqas komuni tal-insuffiċjenza tal-qalb hemm:
ritmu tal-qalb mhux normali (aritmija), bħall-fibrillazzjoni atrijali;
anemija - livell baxx tad-demm;
kundizzjonijiet tal-qalb li titwieled bihom (mard konġenitali tal-qalb);
ċerti proċessi tal-kura, inkluża l-kimoterapija;
abbuż mill-alkoħol;
livelli mhux normali tal-ormoni tat-tirojde; u
pressjoni għolja fid-demm tal-pulmun (ipertensjoni pulmonari).
Kif nista’ nkun naf għandix insuffiċjenza tal-qalb?
Mur għand it-tabib tiegħek jekk imħasseb/imħassba dwar dan.
It-tabib jeżaminak u jsaqsik diversi mistoqsijiet.
Jistgħu jsiru bosta testijiet, bħal:
testijiet tad-demm;
X-ray tas-sider: biex it-tabib jara l-kundizzjoni tal-pulmun u tal-qalb;
elettrokardjogramma (ECG): biex it-tabib jara l-attività elettrika tal-qalb mill-qrib;
exercise stress test: biex tiġi investigata aħjar il-funzjoni tal-qalb u ta’ kemm tiflaħ eżeċizzju; u
ekokardjogramma: ultrasound tal-qalb. Dan hu l-aktar test importanti biex it-tabib jistħarreġ il-funzjoni tal-qalb.
Hemm ukoll testijiet oħra bħall-MRI scan, is-CT scan u l-anġjogramma koronarja tal-qalb.
X’kura hemm għall-insuffiċjenza tal-qalb?
Sfortunatament, ma teżisti ebda kura li tfejjaq l-insuffiċjenza tal-qalb.
L-għan tal-kura huwa li jonqsu s-sintomi u l-progressjoni tal-marda.
Bidliet fl-istil tal-ħajja huma importanti wkoll. Għalhekk:
agħmel l-eżerċizzju regolarment;
ara li l-piż tiegħek mhux ta’ periklu għal saħħtek;
ikkontrolla l-pressjoni;
aqta’ t-tipjip;
illimita kemm tieħu likwidi biex tevita li jinġabar ħafna ilma, kif issemma aktar ’il fuq (agħmel dan biss jekk jgħidlek it-tabib);
intiżen sikwit ħalli jekk ikun qiegħed jakkumula l-ilma, tintebaħ minn kmieni.
Jista’ jkun li tingħata medikazzjoni preskritta:
Mediċini pronostiċi, bħal ACE inhibitors (pereżempju Perindopril, Enalapril), B-blockers (pereżempju Carvedilol) u Mineralokortikosterojdi (bħal Spironolactone jew Eplerenone); inkella
Mediċini li jtaffu s-sintomi, bħal dijuretiċi (pereżempju Bumetanide) li jgħinu lill-ġisem ineħħi l-fluwidi ż-żejda li jakkumulaw minħabba l-insuffiċjenza tal-qalb.
Kultant tista’ tibbenefika minn apparat impjantabbli bħal pacemaker, implantable cardioverter defibrillator (ICD) jew cardiac resynchronisation therapy (CRT). Apparati bħal dawn jistgħu jgħinu biex itejbu l-azzjoni tal-ippumpjar tal-qalb għax jirregolaw l-attività elettrika.
Tista’ wkoll tiġi rreferut/a lill-Klinika tal-Qalb (Heart Failure Clinic) tal-Isptar Mater Dei. Din il-klinika tispeċjalizza fl-insuffiċjenza tal-qalb u b’hekk isegwuk mill-qrib.
Punti importanti
Il-qalb ma tibqax taħdem b’mod suffiċjenti meta l-mekkaniżmu tal-pompa tal-qalb ma jaħdimx tajjeb.
L-insuffiċjenza tal-qalb tista’ tiġi kkawżata minn bosta affarijiet, l-aktar komuni fosthom huma l-pressjoni għolja u l-attakki tal-qalb.
Spiss tkun meħtieġa ekokardjogramma biex issir dijanjożi tal-insuffiċjenza tal-qalb.
Il-kura tgħinek tgħix aktar fit-tul, b’inqas bżonn ta’ viżti l-isptar u b’inqas sintomi.
Il-bidliet fl-istil tal-ħajja huma importanti ħafna meta l-qalb ma tkunx qiegħda taħdem tajjeb.
GĦAJNUNA
Jekk għandek xi mistoqsija dwar dan il-fuljett, ikkuntattjana fuq info@maltaheartfoundation.org jew mill-paġna ta’ Facebook tagħna.
Dan l-artiklu ġie miktub minn Dr. Samuel Attard u editjat minn Dr. Neil Grech, b’kollaborazzjoni mad-Dipartiment tal-Malti ġewwa L-Universita ta’ Malta flimkien mal-Malta Heart Foundation u il-Maltese Cardiac Society.