Id-Dijabete
INGLIŻ / MALTI
X’inhi d-Dijabete?
Id-dijabete hija kundizzjoni kronika għax il-ġisem ma jibqax sensittiv għall-insulina jew ma jkunx jista’ jipproduċiha.
L-insulina tipproduċiha l-frixa u hija kimika essenzjali li tirregola l-livell taz-zokkor fil-ġisem.
Meta nieklu, ġisimna jżid l-insulina biex iniżżel il-livelli taz-zokkor u jnaqqasha meta ma niklux biex iżomm iz-zokkor f’livell xieraq.
In-nies bid-dijabete jkollhom il-livell taz-zokkor għoli ħafna peress li jew ma jkollhomx biżżejjed insulina inkella ġisimhom ma jirrispondix għaliha.
Iz-zokkor huwa sors importanti ta’ enerġija għall-ġisem, imma livell baxx jew għoli wisq ta’ zokkor jaffettwa lill-ġisem ħażin.
L-ipergliċemija hija meta l-livell taz-zokkor ikun għoli. Din tista’ tikkawża ħsara serja fl-organi jekk tippersisti għal tul ta’ żmien. Il-problemi jistgħu jaffettwaw il-kliewi, il-qalb, l-għajnejn u bosta organi oħra.
L-ipogliċemija hija meta l-livell taz-zokkor ikun baxx. Din il-kundizzjoni tikkawża problema iktar akuta għax il-moħħ ma jkollux biżżejjed zokkor biex jiffunzjona sew.
X’inhi d-Dijabete tal-Ewwel Tip?
Dan it-tip ta’ dijabete huwa iktar komuni f’pazjenti żgħar.
Dan it-tip ta’ dijabete jirriżulta mis-sistema immunitarja ta’ ġisimna li tattakka ċ-ċelloli tal-frixa li jipproduċu l-insulina.
Tista’ tikkontrolla din id-dijabete b’dieta tajba, bl-eżerċizzju u bl-insulina.
X’inhi d-Dijabete tat-Tieni Tip?
Dan huwa l-iktar tip komuni ta’ dijabete u, ġeneralment, toħroġ f’dawk ta’ età iktar avvanzata.
Din id-dijabete toħroġ meta l-ġisem ma jibqax sensittiv għall-insulina u tista’ twassal biex il-frixa ma tkunx tista’ tipproduċi biżżejjed insulina.
Dan it-tip ta’ dijabete joħroġ għal diversi raġunijiet u hu marbut ma’ stil ta’ ħajja li mhux tajjeb għas-saħħa, l-obeżità, dieta ħażina, nuqqas ta’ attività fiżika, u każi ta’ dijabete fil-familja.
X’riskji huma assoċjati mad-dijabete?
Id-dijabete żżid ir-riskju tal-mard tal-qalb u tal-arterji.
Livelli għoljin ta’ zokkor fid-demm iwasslu għal ħsara fl-arterji li jibdew jidjiequ. Din hija magħrufa bħala aterosklerożi.
Jekk l-arterji li jmorru lejn il-qalb jew lejn il-moħħ jinstaddu kollha, jista’ jkun hemm attakk tal-qalb jew puplesija.
Xi nħoss jekk ikolli d-dijabete (u ma niħux ħsiebha)?
Is-sintomi tad-dijabete jistgħu jvarjaw. Xi wħud jiżviluppaw mil-lum għal għada, u oħrajn jistgħu jieħdu ż-żmien. Ftit pazjenti bid-dijabete tat-Tieni Tip jista’ ma jkollhomx sintomi u jibqgħu bla dijanjożi għal bosta snin; madankollu, il-ħsara permanenti kkawżata minn dijabete mhux ikkontrollata tibqa’ għaddejja. Id-dijabete tal-Ewwel Tip ħafna drabi toħroġ mil-lum għal għada. Dawn huma xi sintomi li tista’ tesperjenza:
Tħossok iktar għajjien/a mis-soltu.
Titlef il-piż mingħajr ebda raġuni.
Ikollok iktar għatx.
Tgħaddi l-awrina aktar ta’ spiss – speċjalment billejl.
Ikollok problemi bil-vista.
Ikollok infezzjonijiet ripetittivi.
Iddum iktar biex tfiq meta jkollok xi girfa jew qatgħa.
Kif inkun naf għandix id-dijabete?
Għad-dijanjożi jista’ jsir test tal-glukożju fid-demm billi jittieħed kampjun żgħir b’tingiża fil-kappell tas-suba’ jew mill-vina. Dan jista’ jittieħed ikun x’ħin ikun inkella meta l-persuna tkun sajma.
L-Emoglobina A1c (HbA1c) hija test tad-demm li bih it-tabib ikollu l-livell medju taz-zokkor fid-demm tiegħek ta’ matul ix-xhur ta’ qabel.
Kif nista’ nnaqqas ir-riskju li toħroġli d-dijabete u l-kumplikazzjonijiet marbutin magħha?
Ara li jkollok dieta tajba.
Aqta’ t-tipjip – uża s-servizzi lokali li jgħinuk tieqaf tpejjep. Itlob il-parir tat-tabib dwar dan (LINK TO OTHER LEAFLET).
Jekk tbati bid-dijabete, ikkontrolla l-livell taz-zokkor.
Naqqas il-konsum tal-alkoħol.
Agħmel l-eżerċizzju regolarment – uża t-taraġ minflok il-lift, imxi sal-ħwienet minflok tmur bil-karozza. Huwa rrakkomandat li tagħmel mill-inqas 150 minuta eżerċizzju ta’ intensità moderata fil-ġimgħa.
Iċċekkja u kkontrolla l-pressjoni.
Ikkontrolla l-livell tal-kolesterol.
Qis li jkollok piż xieraq.
Kif nieħu ħsieb id-dijabete?
Jekk għandek id-dijabete, importanti ħafna li tikkontrolla l-livell taz-zokkor fid-demm.
Ixtri blood glucose monitor li tista’ tużah id-dar.
Għix ħajja sana biex tnaqqas il-kumplikazzjonijiet.
Imxi fuq il-pariri tat-tabib tiegħek u mur għall-viżti regolari.
Id-dijabete tal-Ewwel Tip tiġi kkurata b’dożi speċifiċi tal-insulina.
Id-dijabete tat-Tieni Tip tiġi kkontrollata bi stil ta’ ħajja bilanċjat, imma jista’ jkun hemm bżonn il-mediċina u l-insulina.
Il-mediċini li jintużaw fit-Tieni Tip huma l-Metformin u l-Gliclazide.
Il-mediċini l-ġodda jikkontrollaw aħjar il-glukożju fid-demm u jnaqqsu r-riskju ta’ attakk tal-qalb jew li l-qalb ma taħdimx sewwa (l-insuffiċjenza tal-qalb).
Minħabba r-riskju ta’ attakki tal-qalb u puplesija jista’ jkun hemm bżonn xi mediċina li tbaxxi l-livell tal-kolesterol fid-demm – f’dan il-każ jittieħdu mediċini li jissejħu statins.
Punti importanti
Id-dijabete hija kundizzjoni kronika li tgħolli l-livelli taz-zokkor fid-demm.
Id-dijabete żżid ir-riskju ta’ attakki tal-qalb u puplesija.
Għix ħajja sana biex tilqa’ għad-dijabete tat-Tieni Tip u tnaqqas il-komplikazzjonijiet.
Mhux kull persuna bid-dijabete jkollha bżonn l-insulina.
Ikkontrolla l-livell taz-zokkor fid-demm.
Imxi mad-direzzjonijiet u żomm kuntatt regolari mat-tabib tiegħek.
GĦAJNUNA
Jekk għandek xi mistoqsija dwar dan il-fuljett, ikkuntattjana fuq info@maltaheartfoundation.org jew mill-paġna ta’ Facebook tagħna.
Dan l-artiklu ġie miktub minn Dr. Alex Esposito u editjat minn Dr. Neil Grech, b’kollaborazzjoni mad-Dipartiment tal-Malti ġewwa L-Universita ta’ Malta flimkien mal-Malta Heart Foundation u il-Maltese Cardiac Society.