Il-Kolesterol

INGLIŻ / MALTI


X’inhu l-kolesterol?

  • Il-kolesterol huwa sustanza organika li hija tip ta’ xaħam.

  • Il-kolesterol jinsab b’mod naturali f’ġisimna u jiġi prodott mill-fwied, però ftit minnu jiġi wkoll minn dak li nieklu.

Il-kolesterol huwa essenzjali biex il-ġisem jaħdem tajjeb.

X’inhuma t-tipi differenti ta’ kolesterol?

Il-kolesterol jinfirex mal-ġisem fi proteini li jissejħu lipoproteini.

Hawn żewġ tipi ta’ lipoproteini:

  • Lipoproteina ta’ Densità Għolja (HDL) li hi magħrufa bħala l-kolesterol it-tajjeb. Dan it-tip ta’ kolesterol jiġbor il-kolesterol il-ħażin u jieħdu fil-fwied biex jitkisser.

  • Lipoproteina ta’ Densità Baxxa (LDL) u Non-HDL li hi magħrufa bħala l-kolesterol il-ħażin. Dan it-tip ta’ kolesterol jinġema’ fl-arterji tagħna u jwassal għal nuqqas ta’ ċirkulazzjoni u ta’ ossiġnu. Dan il-proċess jissejjaħ aterosklerożi.


Għala livell għoli ta’ kolesterol jagħmel il-ħsara?

Jekk il-livell ta’ kolesterol ħażin ikun għoli, il-kolesterol  jinġema’ ġol-arterji u jista’ jibqa’ jakkumula sa ma jsoddhom. Jekk dan il-proċess jiġri fl-arterji tal-qalb jew tal-moħħ ikun hemm riskju ta’ attakk tal-qalb jew puplesija.


Għaliex jogħla l-kolesterol?

Hemm numru ta’ fatturi li jistgħu jgħollu l-livell tal-kolesterol. Fuq xi wħud minnhom għandna kontroll iżda fuq oħrajn m’għandniex.


 Fatturi li għandna kontroll fuqhom li jgħollu l-livelli tal-kolesterol:


Fatturi li m’għandniex kontroll fuqhom li jgħollu l-livelli tal-kolesterol:

  • L-età

  • Problemi fil-kliewi jew fil-fwied

  • Meta t-tirojde ma taħdimx sew

  • Iperkolesterolemija familjari (FH) – kundizzjoni ġenetika li tgħaddi mill-ġenituri bijoloġiċi u biha ma jkollokx l-abbiltà li tneħħi l-kolesterol il-ħażin minn ġismek. Din il-kundizzjoni għandha tiġi kkunsidrata f’dawk li:

    • a) ikollhom livelli ta’ kolesterol għoljin minn età żgħira u/jew

    • b) kellhom attakk tal-qalb jew puplesija ta’ età żgħira.


 Kif inkun naf għandix livell għoli ta’ kolesterol?

  • Meta jkollok livell għoli ta’ kolesterol normalment ma jidher l-ebda sintomu, u għalhekk ma tkunx taf qabel ma tagħmel test tad-demm. 

  • Dawn it-testijiet tad-demm jistgħu jsiru kemm għand it-tobba tal-familja kif ukoll f’ċentru tas-saħħa.

  • M’hemmx livelli stabbiliti li huma tajbin għal kulħadd. Il-livelli ideali tal-kolesterol jiġu evalwati ma’ fatturi oħra li jgħollu r-riskju biex jiġi determinat ir-riskju ġenerali tiegħek

  • Madankollu, jekk diġà kellek attakk tal-qalb fil-passat, il-livelli ta’ LDL tiegħek għandhom ikunu 1.4 mmol/L jew inqas.

unsplash-image-KPDbRyFOTnE.jpg

Qis li jkollok piż xieraq


Kif nista’ nipprevjeni milli jkolli l-kolesterol għoli u nbaxxih?

  1. Ara li jkollok dieta tajba.

  2. Aqta’ t-tipjip – uża s-servizzi lokali li jgħinuk tieqaf tpejjep. Itlob il-parir tat-tabib dwar dan.

  3. Jekk tbati bid-dijabete, ikkontrolla l-livell taz-zokkor (LINK TO OTHER LEAFLET).

  4. Naqqas il-konsum tal-alkoħol.

  5. Agħmel l-eżerċizzju regolarment – uża t-taraġ minflok il-lift, imxi sal-ħwienet minflok tmur bil-karozza. Huwa rrakkomandat li tagħmel mill-inqas 150 minuta eżerċizzju ta’ intensità moderata fil-ġimgħa.

  6. Iċċekkja u kkontrolla l-pressjoni.

  7. Ikkontrolla l-livell tal-kolesterol.

  8. Qis li jkollok piż xieraq.


Kif nista’ nieħu ħsieb il-kolesterol għoli?

Il-kolesterol għoli tista’ tieħu ħsiebu bil-metodi li tkellimna fuqhom aktar ’il fuq. F’każ li dawn mhumiex biżżejjed, tista’ tuża l-mediċini biex a) tbaxxi aktar il-livell tal-kolesterol qrib il-mira mixtieqa filwaqt li b) tistabilizza l-aterosklerożi li jkollok. Il-mediċini li normalment jintużaw biex jitbaxxa l-livell tal-kolesterol huma magħrufin bħala statini. Il-fibrati jistgħu jkunu meħtieġa wkoll f’każ ta’ intolleranza għall-mediċina. L-istatini jaħdmu billi jimblukkaw il-produzzjoni tal-LDL fil-fwied. Fost l-istatini li ssib tixtri lokalment hemm:

  • is-Simvastatin;

  • l-Atorvastatin; u

  • ir-Rosuvastatin.

Tkellem mat-tabib tiegħek qabel tibda mediċini ġodda. 


Punti ewlenin

Hemm tipi differenti ta’ kolesterol. Mhux kull kolesterol huwa ħażin.

Il-kolesterol għoli jista’ joħloq  problemi bħal attakk tal-qalb jew puplesija.

Importanti żżomm dieta bilanċjata u tagħmel l-eżerċizzju fiżiku biex tipprevjeni livell għoli ta’ kolesterol u tbaxxih. 

Itlob il-parir mediku tat-tabib tal-familja.



GĦAJNUNA

Jekk għandek xi mistoqsija dwar dan il-fuljett, ikkuntattjana fuq info@maltaheartfoundation.org jew mill-paġna ta’ Facebook tagħna.


Dan l-artiklu ġie miktub minn Dr. Matthew Farrugia u editjat minn Dr. Neil Grech, b’kollaborazzjoni mad-Dipartiment tal-Malti ġewwa L-Universita ta’ Malta flimkien mal-Malta Heart Foundation u il-Maltese Cardiac Society.