L-Obeżità

INGLIŻ / MALTI


L-obeżità f’Malta

• Fost il-pajjiżi Ewropej, Malta għandha l-ogħla rata ta’ obeżità fl-irġiel (68%) u t-tielet l-ogħla rata fin-nisa (49.1%).

35% tal-adolexxenti Maltin, ta’ 13-il sena, għandhom piż żejjed jew huma obeżi; din ir-rata hija 10% ogħla minn tal-pajjiżi Ewropej l-oħra.


Kif nista’ nkun naf għandix piż żejjed?

Hemm żewġ modi kif tevalwa intix obeż/a jew għandekx piż żejjed: l-Indiċi tal-Massa tal-Ġisem (BMI) jew iċ-ċirkonferenza tal-qadd.


L-Indiċi tal-Massa tal-Ġisem (BMI)

Biex tikkalkulah:

kejjel (it-tul tiegħek);

intiżen; u

• uża kalkolatur tal-BMI minn fuq l-internet biex tikkalkula l-BMI tiegħek.


Jekk il-BMI ikun:

bejn 18.5 u 24.9 huwa tajjeb għas-saħħa;

bejn 25 u 29.9 hemm piż żejjed;

aktar minn 30 hemm obeżità.


Dan l-indiċi (BMI) ma jqisx il-piż tal-muskoli. Jekk inti persuna mmuskolata, ir-riżultat jista’ jpoġġik f’kategorija ta’ nies b’piż żejjed/obeżi.


Iċ-ċirkonferenza tal-qadd

Biex tkejjel:

oqgħod bilwieqfa, u dawwar l-inch-tape ma’ qaddek, eżatt fuq l-għadam ta’ ġenbejk;

• ara li l-inch-tape jkun orizzontali madwar il-qadd;

• ara li jkun ukoll mal-ġilda imma ma jagħfasx wisq fuqha; u

• kejjel qaddek eżatt wara li tieħu n-nifs.

Il-kejl tal-qadd irrakkomandat huwa:

• inqas minn 94 ċm (37 pulzier) għall-irġiel; u

• inqas minn 80 ċm (31.5 pulzieri) għan-nisa.

Jekk għandek aktar xaħam madwar il-qadd u ż-żaqq milli fil-ġenbejn, il-koxox u l-warrani, hemm iktar riskju għal kumplikazzjonijiet għax ikun hemm aktar xaħam madwar l-organi. Dan it-tip ta’ ġisem ikollu għamla ta’ tuffieħa.


X’jista’ jikkawża l-obeżità jew iż-żieda fil-piż?

• L-ikel u x-xorb li nieħdu għandhom forma ta’ enerġija, tipikament imkejla f’kaloriji (kcal). Jekk il-konsum tal-kaloriji jaqbeż l-ammont irrakkomandat u ma tagħmilx attività fiżika regolari, tista’ żżid il-piż.

• Ġeneralment, il-konsum irrakkomandat ta’ kaloriji huwa ta’ madwar 2,000 kcal kuljum għan-nisa u 2,500 kcal kuljum għall-irġiel.

• Hemm ukoll xi mediċini jew kundizzjonijiet mediċi li jistgħu jżidu l-piż.


Kif jiżdied ir-riskju ta’ attakk tal-qalb meta tkun obeż?

• Il-piż żejjed iżid il-materjal xaħmi fl-arterji: il-kanali li jġorru d-demm sal-organi. Dan il-materjal xaħmi jista’ jwassal għall-aterosklerożi.

• Il-materjal xaħmi jimblokka l-arterji; u meta dawk li jwasslu d-demm għall-qalb jinstaddu, jistgħu jwasslu għal attakk tal-qalb.

• Jekk din l-akkumulazzjoni ta’ materjal xaħmi ssir fl-arterji li jissupplixxu d-demm lill-moħħ, tista’ twassal għal puplesija jew dimensja.

• Ix-xaħam iżid ukoll il-kolesterol, jgħolli l-pressjoni u jżid ir-riskju tad-dijabete tat-tieni tip. Barra minn hekk, dawn kollha jżidu r-riskju ta’ aterosklerożi u attakki tal-qalb


Kif nista’ nikkontrolla l-piż u nevita l-obeżità?

• Ara li jkollok dieta tajba u bilanċjata.

• Agħmel l-eżerċizzju ta’ spiss.

Kul bil-qies billi tirregola l-porzjonijiet.

• Jekk tiffjakka u tnaqqar xi ħaġa bejn l-ikliet, ara li jkollha ammont baxx ta’ kaloriji.

• Aqra t-tikketti tal-ikel u għodd il-kaloriji.

Sib lil xi ħadd li jista’ jsegwi l-progress li tkun qed tagħmel.

Jekk inti veġetarjan/a jew vegan/a, jista’ jkun li jkollok bżonn tkellem nutrizzjonista biex tiżgura li d-dieta tiegħek hija bilanċjata.

Jekk għandek xi kundizzjoni kronika, bħad-dijabete, kellem lit-tabib tal-familja u lill-espert tad-dieta tiegħek biex ikunu jistgħu jirrakkomandaw pjan ta’ dieta personalizzat.


Liema servizzi lokali jistgħu jgħinuni?

• Il-Programm għall-Immaniġġjar tal-Piż jgħinek kemm jekk ikollok piż żejjed jew tkun obeż/a u anki biex ma terġax iżżid il-piż li tkun tlift. Dawk ta’ ’l fuq minn 18-il sena, li għandhom indiċi tal-massa tal-ġisem (BMI) ogħla minn 25kg/m2 jistgħu jiġu riferuti għal dan il-programm.

• Jekk qed jinkwetak il-piż, tkellem mat-tabib tal-familja tiegħek, mal-infermier/a  jew mal-espert tad-dieta fiċ-ċentri tas-saħħa u fl-Isptar Mater Dei. Dawn ikunu jistgħu joffrulek parir jew jirreferuk għall-Programm billi tibgħat fl-indirizz elettroniku nutritionist.phc@gov.mt.

• Biex issir taf aktar fuq il-Programm għall-Immaniġġjar tal-Piż, tista’ ċċempel fuq 2557 6183 jew tidħol  fis-sit elettroniku https://deputyprimeminister.gov.mt/en/phc/Pages/Services/Nutritionist/Weight-Management-Programme.aspx.


Punti importanti

• Ir-rata tal-obeżità f’Malta hi għolja.

• Għix ħajja bilanċjata u attiva ħalli tevita li tkun obeż/a.

• L-obeżità tista’ twassal għal attakki tal-qalb u kumplikazzjonijiet oħra.

• Ħu l-parir tat-tabib tal-familja u fittex l-għajnuna tas-servizzi lokali.


GĦAJNUNA

Jekk għandek xi mistoqsija dwar dan il-fuljett, ikkuntattjana fuq info@maltaheartfoundation.org jew mill-paġna ta’ Facebook tagħna.