Il-Fibrillazzjoni Atrijali

INGLIŻ / MALTI


 X’inhi l-Fibrillazzjoni Atrijali (Atrial Fibrillation — AF)?

  • Il-fibrillazzjoni atrijali hi kundizzjoni li biha l-qalb tibda tħabbat b’ritmu ħażin, differenti min-normal.

  • Normalment, l-elettriku tal-qalb joriġina mill-pacemaker naturali, magħruf bħala s-sinoatrial (SA) node, u bis-saħħa tiegħu qalbna tħabbat b’mod sinkronizzat.

  • Fl-AF, iż-żona anormali tal-muskolu tal-qalb, li ħafna drabi tkun qiegħda n-naħa ta’ fuq tax-xellug (l-atriju tax-xellug), tiġġenera attività elettrika diżorganizzata u irregolari.

  • B’hekk, it-taqsimiet ta’ fuq jibdew jinġibdu jew jiffibrillaw.

  • Dan iwassal biex il-qalb ma tibqax tħabbat b’ritmu regolari u tista’ jew tibda tħabbat bil-mod jew tgħaġġel ħafna.


X’jikkawża l-AF?

Il-kawża speċifika tal-fibrillazzjoni atrijali (AF) tista’ ma tiġix identifikata. Madankollu l-AF spiss tippreżenta ruħha ma’ xi kundizzjoni oħra, ngħidu aħna:

Fost kawżi oħra, inqas komuni, tal-AF hemm ix-xorb alkoħoliku eċċessiv, it-tirojde mgħaġġla, id-drogi, il-kafeina, infezzjonijiet u operazzjonijiet.


Kemm hawn nies ibatu mill-AF?

  • L-AF taffettwa 0.5% tal-popolazzjoni dinjija.

  • Il-maġġoranza tan-nies affettwati mill-AF għandhom iktar minn 65 sena.

F’Malta waħda minn kull erba’ persuni ikbar minn 75 sena tbati bl-AF.

Xi nħoss jekk ikolli l-AF?

Kultant tista’ ma tħoss xejn, u jista’ jkollok dawn is-sintomi, l-iktar minħabba r-rata għolja tat-taħbit tal-qalb:

  • Qtugħ ta’ nifs

  • Palpitazzjonijiet

  • Għeja

  • Uġigħ fis-sider

  • Sturdament

  • Ħass ħażin

  • Fwawar fil-wiċċ


X’jista’ jiġrili jekk ikolli l-AF?

  • Billi l-parti ta’ fuq tal-qalb ma tkunx qed tħabbat b’ritmu regolari, il-kurrent tad-demm hemmhekk jista’ jkun imċaqlaq mhux ħażin. Dan iżid ir-riskju li jiffurmaw ċapep tad-demm fil-qalb.

  • Kultant, ċappa tad-demm tista’ tivvjaġġa lejn parti oħra tal-ġisem u timblokka l-vini. Dan jista’ jwassal għal kumplikazzjonijiet serji, bħal puplesija, jekk l-arterji tal-moħħ jinstaddu.

  • Jekk il-muskoli tal-qalb ma jaħdmux sew, tista’ wkoll tiżviluppa l-insuffiċjenza tal-qalb.


Kif nista’ nara għandix l-AF?

  • Ritmu irregolari fil-polz spiss jindika li jista’ jkollok l-AF.

  • L-elettrokardjogramma tintuża biex isir magħruf b’liema rata tħabbat il-qalb.

  • Biex tirrekordja l-ECG, jitqabbdu elettrodi apposta mas-sider u mar-riġlejn. Imbagħad, ma’ dawn l-elettrodi jitqabbdu l-wajers li jirrekordjaw l-attività elettrika tal-qalb u tkun tista’ tiġi ġġenerata l-ECG.

  • L-ECG tista’ tiġi rrekordjata fuq medda ta’ għaxar sekondi, jew fuq medda itwal ta’ bejn 24 u 72 siegħa, li matulhom il-pazjenti jżommu makkinarju speċjali fuqhom li jirrekordja l-ECG il-ħin kollu. Dan jissejjaħ Holter ECG monitor.

  • Ir-riżultat tal-ECG jiġi ċċekkjat għal ċerti sinjali li jindikaw l-AF. Dawn jinkludu ċ-ċaqliq tal-fibrillazzjoni (fibrillation waves) u r-ritmi irregolari ta’ fuq l-ECG.

  • Investigazzjonijiet oħra jinkludu testijiet tad-demm, X-ray tas-sider u/jew ultrasound tal-qalb (ekokardjogramma).


Kif nista’ nipprevjeni u nieħu ħsieb l-AF? 

  • Li jkollok ħajja sana hu importanti ferm biex tnaqqas ir-riskju jew tipprevjeni l-AF.

  • Billi tagħmel eżerċizzju regolari, ikollok dieta bilanċjata, tikkontrolla z-zokkor, il-pressjoni u l-istress żejjed, u tnaqqas jew taqta’ x-xorb u t-tipjip. Hekk tnaqqas iċ-ċans li tal-AF.

  • Ħafna drabi, l-AF ma toħloqx kumplikazzjonijiet u tista’ tiġi kkontrollata jekk issegwi l-pariri tat-tabib.

  • L-AF tista’ tillimitaha billi tikkontrolla r-rata jew ir-ritmu li bih tħabbat il-qalb. Iż-żewġ metodi huma effettivi ndaqs u jiddependu mill-użu ta’ mediċina orali (pereżempju l-Atenolol jew l-Amiodarone).

  • Peress li hemm riskju għoli li jiffurmaw ċapep fid-demm (thrombi), il-maġġoranza tan-nies li jbatu bl-AF għandhom bżonn mediċina li traqqaq id-demm bħall-warfarina u mediċini ġodda bħar-Rivaroxaban jew l-Apixaban

  • Biex it-tabib jiddeċiedi għandekx bżonn mediċina li traqqaqlek id-demm, irid minn naħa jqis ir-riskju li għandek li jagħqadlek id-demm u min-naħa l-oħra jrid jara wkoll li ma titlifx demm bla bżonn.

  • Jista’ jingħata wkoll xokk elettriku fil-qalb (DC cardioversion) jew isiru proċeduri elettrofiżjoloġiċi, fejn tipikament tinħaraq parti mill-qalb li tkun qiegħda sservi bħala s-sors tal-AF.

  • Kultant ġieli jkun hemm bżonn pacemaker.


Punti ewlenin

Bl-AF il-qalb tħabbat b’ritmu irregolari għall-aħħar li jżidlek ir-riskju ta’ trombożi u puplesija.

Tista’ ma tħoss xejn jew ikollok sintomi differenti bħal palpitazzjonijiet, qtugħ ta’ nifs u sturdament.

L-AF tista’ tiġi kkurata b’mediċini li jgħinu l-qalb tibda tħabbat b’ritmu regolari. F’ħafna każi, il-pazjenti jkollhom jieħdu mediċina li traqqaq id-demm.


GĦAJNUNA

Jekk għandek xi mistoqsija dwar dan il-fuljett, ikkuntattjana fuq info@maltaheartfoundation.org jew mill-paġna ta’ Facebook tagħna.


Dan l-artiklu ġie miktub minn Dr. Bernard Borg u editjat minn Dr. Neil Grech, b’kollaborazzjoni mad-Dipartiment tal-Malti ġewwa L-Universita ta’ Malta flimkien mal-Malta Heart Foundation u il-Maltese Cardiac Society.