Il-Palpitazzjonijiet
INGLIŻ / MALTI
X’inhuma l-palpitazzjonijiet?
Il-kelma palpitazzjoni tirreferi għas-sensazzjoni tat-taħbit tal-qalb.
Ġeneralment, inħossu t-taħbit fis-sider, imma dan it-taħbit jista’ jinħass ukoll fl-għonq u fil-widnejn, speċjalment meta nkunu mimdudin.
Il-palpitazzjonijiet jistgħu jdumu minn ftit sekondi sa ftit minuti u jistgħu jkunu skomdi.
X’jikkawża l-palpitazzjonijiet?
L-istress u l-ansjetà
Ċerti mediċini
Il-kafeina
Ir-rispons naturali għall-eżerċizzju
Ix-xorb alkoħoliku
It-tipjip
Id-drogi rikreazzjonali
Kundizzjonijiet tal-qalb, fosthom problemi fir-ritmu tal-qalb (il-fibrillazzjoni atrijali hi eżempju komuni ta’ kundizzjonijiet li jaffettwaw ir-ritmu tal-qalb, għeja fil-muskolu tal-qalb b’tali mod li ma jibqax ilaħħaq mad-domanda tal-ġisem, mard valvulari tal-qalb u taħbit ektopiku (taħbit tal-qalb prematur, jiġifieri t-taħbita ssir kmieni wisq, u b’hekk il-qalb tipproduċi taħbita żejda)
Bidliet ormonali, bħal problemi fil-glandola tat-tirojde u t-tqala
Meta għandi nara tabib?
L-aħjar tkellem lit-tabib tiegħek jekk ikollok:
episodji frekwenti ta’ palpitazzjonijiet;
sintomi bħal uġigħ fis-sider, sturdament jew ħass ħażin;
storja medika ta’ diffikultajiet jew mard tal-qalb; u/jew
xi tħassib jew mistoqsijiet.
X’jagħmel normalment it-tabib?
Isaqsi ċerti mistoqsijiet u jibni storja biex jistabbilixxi aħjar xi jkun għaddej.
Jinvistak u jiċċekkjalek il-polz biex ikollu idea aħjar tar-ritmu tal-qalb.
Jieħu xi testijiet tad-demm.
Jordnalek elettrokardjogramma (ECG). Din hi magna żgħira li teżamina u tinterpreta l-attività elettrika tal-qalb b’elettrodi li jkunu mqabbdin ma’ pads. L-ECG tista’ ssir f’għaxar sekondi jew f’perjodu itwal, normalment ta’ bejn 24–72 siegħa: investigazzjoni magħrufa bħala Holter ECG.
X’hemm bżonn isir jekk inbati bil-palpitazzjonijiet?
Fil-maġġoranza tal-każi, m’hemmx bżonn kura għall-palpitazzjonijiet għax ma jikkawżaw l-ebda ħsara u, tipikament, jieqfu waħedhom.
F’każ li jkunu qed jiġu kkawżati minn xi problema jew marda, it-trattament ikun jiddependi mill-kundizzjoni li tkun qiegħda tikkawża l-palpitazzjonijiet.
F’każ li l-problema tkun fir-ritmu tal-qalb, jista’ jkun hemm bżonn xi tip ta’ mediċina.
Jekk ma tiġi identifikata l-ebda kawża għall-palpitazzjonijiet, tajjeb iżżomm f’moħħok xi affarijiet li jistgħu jgħinuk tnaqqas il-frekwenza tagħhom, fosthom billi tevita l-kafeina, tnaqqas l-istress, u taqta’ t-tipjip, id-drogi rikreazzjonali u x-xorb alkoħoliku żejjed.
Punti ewlenin
Il-palpitazzjonijiet huma komuni u ġeneralment beninji.
F’xi ċirkostanzi, il-palpitazzjonijiet jistgħu jkunu kkawżati minn problemi fl-attività elettrika tal-qalb.
Ħafna drabi ma jkunx hemm bżonn ta’ kura għall-palpitazzjonijiet. Biss, il-palpitazzjonijiet ġeneralment jieqfu meta l-kundizzjoni li tikkawżahom tiġi kkontrollata.
GĦAJNUNA
Jekk għandek xi mistoqsija dwar dan il-fuljett, ikkuntattjana fuq info@maltaheartfoundation.org jew mill-paġna ta’ Facebook tagħna.
Dan l-artiklu ġie miktub minn Dr. Bernard Borg u editjat minn Dr. Neil Grech, b’kollaborazzjoni mad-Dipartiment tal-Malti ġewwa L-Universita ta’ Malta flimkien mal-Malta Heart Foundation u il-Maltese Cardiac Society.