Il-Ħsejjes tal-Qalb (Heart Murmurs)

INGLIŻ / MALTI


Xi tfisser meta jgħidu li għandek ħoss żejjed f’qalbek?

  • Meta d-demm jgħaddi mill-qalb jagħmel ħoss li t-tabib ikun jista’ jisimgħu bi stetoskopju.

  • Fil-qalb għandna erba’ valvijiet li jiftħu u jagħlqu skont il-passaġġ tad-demm, u dan il-moviment fil-qalb jikkorrispondi għall-ħsejjes li jistgħu jinstemgħu.

  • Ħoss żejjed f’qalbek jista’ jfisser li jkun hemm ħoss li mhux suppost jinstema’ jew ħoss li jkun qed jinstema’ differenti.

  • F’ċerti każijiet jista’ jkun li ma tinstabx ir-raġuni għala jkun qed jinstema’ ħoss żejjed, imma f’każijiet oħrajn dan jiġri minħabba strutturi li ma jkunux normali.

Mhux kull tip ta’ ħoss żejjed tal-qalb huwa problema.

Xi jfisser meta jgħidu li għandek ħoss innoċenti f’qalbek?

  • Fit-tfal ġieli jinstemgħu xi ħsejjes żejda.

  • Nistgħu nsejħulhom ħsejjes innoċenti għax, ġeneralment, ma jkunux  ta’ dannu u ma jkunux relatati mal-mard tal-qalb.

  • Dawn il-ħsejjes jistgħu jvarjaw skont kemm tkun qed tħabbat il-qalb, ma’ kemm tkun qed tieħu nifs fil-fond u skont il-pożizzjoni tal-pazjent/a.

  • Ħafna minn dawn il-ħsejjes ma jibqgħux jinstemgħu meta t-tfal jikbru.


Kif nista’ niżviluppa ħoss żejjed f’qalbi? 

  • Il-qalb taħdem bħal pompa li tibgħat id-demm madwar il-ġisem.

  • Bħal kull pompa, għandha bżonn tistrieħ biex timtela bid-demm (il-fażi dijastolika) u tinġibed lura biex timbotta d-demm ’il barra (il-fażi sistolika).

  • Jekk il-valvijiet tal-qalb ikunu difettużi, pereżempju jkunu dojoq wisq, bla saħħa jew inixxu, jagħmlu ħsejjes differenti meta jgħaddi d-demm minnhom.

  • Jistgħu jinstemgħu tipi differenti ta’ ħsejjes, skont id-difett tal-valv u l-valv li jkun affettwat. Minn dawn il-ħsejjes it-tabib ikun jista’ jidentifika l-problema. 

  • Il-ħsejjes tal-qalb ġieli jiġu wkoll minn difetti oħra li nitwieldu bihom, bħal meta xi ħadd ikollu toqba f’wieħed mill-ħitan li jifred in-naħa tal-lemin min-naħa tax-xellug tal-qalb. Dawn jissejħu difetti konġenitali tal-qalb.

  • In-nisa tqal u dawk li għandhom anemija (demm baxx) ukoll jista’ jkollhom ħsejjes żejda f’qalbhom.


Jekk ikolli ħoss żejjed f’qalbi nkun neħtieġ il-kura?

  • Mhux kull tip ta’ ħoss żejjed huwa problema.

  • Biex it-tabib jeżamina aħjar il-ħsejjes żejda tal-qalb, jista’ jordna ekokardjogramma, li tieħu filmat ta’ kif tkun qed taħdem il-qalb.

  • L-ekokardjogramma tista’ tidentifika anormalità strutturali li tkun qed tikkawża l-ħsejjes.

  • Jekk tiġi identifikata xi ħaġa mhix tas-soltu fl-ekokardjogramma, tkun tista’ tingħata kura differenti skont il-każ.

  • Il-maġġoranza tan-nies ma jkollhom bżonn l-ebda intervent; imma xi wħud ikunu jeħtieġu kura medika jew operazzjoni.

  • Tista’ ssir operazzjoni biex jissewwa jew jiġi sostitwit il-valv. Hemm diversi operazzjonijiet li jistgħu jsiru, u l-għażla tiddependi mill-kawża tal-ħsejjes.

  • It-tabib ikun jista’ jispjegalek aħjar l-għażliet li jkollok.


Punti ewlenin

Mhux kull ħoss żejjed huwa problema.

Il-ħsejjes żejda jinstemgħu bl-istetoskopju.

It-tfal jista’ jkollhom ħoss innoċenti li ma jibqax jinstema’ meta jikbru.

Ħoss żejjed jista’ jkun każ ta’ problema strutturali relatata mal-valvijiet tal-qalb.


GĦAJNUNA

Jekk għandek xi mistoqsija dwar dan il-fuljett, ikkuntattjana fuq info@maltaheartfoundation.org jew mill-paġna ta’ Facebook tagħna.


Dan l-artiklu ġie miktub minn Dr. Alex Esposito u editjat minn Dr. Neil Grech, b’kollaborazzjoni mad-Dipartiment tal-Malti ġewwa L-Universita ta’ Malta flimkien mal-Malta Heart Foundation u il-Maltese Cardiac Society.