Il-Pressjoni tad-Demm Għolja

INGLIŻ / MALTI


X’inhi l-pressjoni tad-demm?

  • Il-pressjoni tad-demm hija dik il-forza li jagħmel id-demm fuq il-ħitan tal-arterji u l-vini. 

  • Minn dawn l-arteriji u l-vini jgħaddi l-ossiġnu għall-organi kollha tal-ġisem. 

  • Din il-pressjoni trid tkun b’saħħitha biżżejjed biex twassal id-demm mill-qalb għall-ġisem kollu.

  • Il-pressjoni fid-demm normalment togħla u tinżel matul il-ġurnata, u tiddependi mill-attivitajiet li tkun qed tagħmel. 

  • Meta l-pressjoni tad-demm tkun konsistentement ogħla min-normal ngħidu li hemm pressjoni għolja fid-demm, magħrufa bħala ipertensjoni.

Kont taf li waħda minn kull ħames persuni (20%) f’Malta tbati bil-pressjoni għolja?

Għaliex togħla l-pressjoni tad-demm?

  • F’ħafna każi, il-pressjoni togħla mingħajr kawża ċara. Madankollu, ħafna drabi tkun assoċjata ma’ dieta ħażina u stil ta’ ħajja li mhux tajjeb għas-saħħa. L-alkoħol, it-tipjip, l-obeżità u n-nuqqas ta’ eżerċizzju fiżiku kollha jżidu r-riskju ta’ pressjoni għolja.

  • Il-pressjoni għolja hija iktar komuni f’nies kbar fl-età u f’nies ta’ dixxendenza b’karnaġġjon skur jew mill-Afrika jew mill-Karibew.

  • Għalkemm mhux daqstant komuni, il-pressjoni tista’ togħla minħabba kundizzjonijiet oħra, bħall-apnea fl-irqad, livelli mhux normali ta’ ormoni, mard tal-kliewi jew dijabete. Din it-tip ta’ pressjoni għolja hija magħrufa bħala pressjoni għolja sekondarja.


Kif nista’ niċċekkja l-pressjoni tad-demm?

  • Il-pressjoni tad-demm tiċċekkjaha bi sfigmomanometru.

  • Dan l-apparat ikun fih faxxa tal-Velcro (il-cuff), li tintefaħ waħidha meta t-tabib idawwarha ma’ driegħek. Din tkun imqabbda ma’ moniter diġitali. 

  • Matul dan il-proċess ma tweġġa’ xejn. Madankollu, tista’ tħoss naqra pressa u xi ftit tnemnim għal ftit sekondi malli tintefaħ il-faxxa.

  • Il-monitor jagħti żewġ numri, li jirreferu għall-pressjoni sistolika (ta’ fuq) u dijastolika (t’isfel). Il-kejl użat għall-pressjoni tad-demm huwa mmHg.

  • Il-pressjoni sistolika (ta’ fuq) tirreferi għal meta qalbek tħabbat u tippompja d-demm mal-ġisem.

  • Il-pressjoni dijastolika (t’isfel) tirreferi għal meta qalbek tkun f’qagħda rilassata.


X’inhu l-livell normali tal-pressjoni tad-demm?

  • Il-pressjoni tad-demm sistolika (ta’ fuq) fl-adulti għandha tkun inqas minn 140mmHg filwaqt li dik dijastolika (t’isfel) għandha tkun inqas minn 90mmHg. 

  • Il-pressjoni tad-demm sistolika (ta’ fuq) f’min huwa dijabetiku idealment għandha tkun inqas minn 130mmHg filwaqt li dik dijastolika (t’isfel) għandha tkun inqas minn 80mmHg.

  • Valuri ogħla minn dawn huma kkunsidrati għoljin, imma biex il-pressjoni titqies għolja hemm bżonn ta’ konsistenza f’diversi riżultati

  • Għal dijanjożi aħjar tal-pressjoni għolja, it-tabib jista’ jitolbok tagħmel test li fih tilbes sfigmomanometru speċjali għal 24 siegħa li għal 24 siegħa jibda jiċekkjalek il-pressjoni kull tant ħin.

17758527_10155235459355972_3279169894476033832_o.jpeg

Il-pressjoni tad-demm tiċċekkjaha bi sfigmomanometru.

Dan huwa ritratt ta’ wahda mill-voluntiera tal-Malta Heart Foundation waqt avveniment organizzat ghall-publiku.


Meta għandi niċċekkja l-pressjoni tad-demm?

  • Il-pressjoni tad-demm għolja hija magħrufa bħala l-qattiela siekta għax ħafna drabi ma tħoss ebda sintomu u b’hekk tilħaq issir ħafna ħsara qabel tinduna biha.

  • Huwa rrakkomandat li tiċċekkja l-pressjoni kull darba li tmur għand it-tabib/a.

  • Tista’ tmur tiċċekkjaha fiċ-ċentru tas-saħħa lokali tiegħek.

  • Tista’ wkoll tagħżel li tixtri l-isfigmomanometru personali tiegħek mill-ħwienet tas-saħħa lokali jew online u żżomm rekord int stess biex turih lit-tabib/a. Dawn l-isfigmomanometri ma jiswewx daqskemm taħseb.


Għaliex il-pressjoni għolja hija ħażina għalija?

  • Il-pressjoni tad-demm għolja żżid ix-xogħol fuq qalbek u l-pressa fuq il-vini u l-arterji. Minħabba f’hekk dawn jibdew jaħdmu aktar iżda b’inqas effiċjenza.

  • Maż-żmien, din il-pressjoni ogħla tagħmel ħsara lill-ħajt ta’ ġewwa tal-vini u l-arterji.

  • Jibda jinġema’ x-xaħam u l-kolesterol fil-ħitan ta’ dawn il-vini u l-arterji, u b’hekk jidjiequ. Din hija magħrufa bħala aterosklerożi

  • Dan it-tidjiq ikompli jgħolli l-pressjoni.

  • Dan iċ-ċirku vizzjuż jagħmel ħsara lil ħafna organi u jista’ jwassal għal kundizzjonijiet bħal attakki tal-qalb, insuffiċjenza tal-qalb, puplesiji, telf tal-vista, problemi tal-kliewi, u anke problemi ta’ natura sesswali.


Kif nista’ nikkontrolla l-pressjoni tad-demm?

Bidliet fl-istil tal-ħajja jgħinu ħafna. Fost l-oħrajn:

  1. Ara li jkollok dieta tajba.

  2. Aqta’ t-tipjip – uża s-servizzi lokali li jgħinuk tieqaf tpejjep. Itlob il-parir tat-tabib dwar dan (LINK TO OTHER LEAFLET).

  3. Jekk tbati bid-dijabete, ikkontrolla l-livell taz-zokkor.

  4. Naqqas il-konsum tal-alkoħol.

  5. Agħmel l-eżerċizzju regolarment – uża t-taraġ minflok il-lift, imxi sal-ħwienet minflok tmur bil-karozza. Huwa rrakkomandat li tagħmel mill-inqas 150 minuta eżerċizzju ta’ intensità moderata fil-ġimgħa.

  6. Iċċekkja u kkontrolla l-pressjoni.

  7. Ikkontrolla l-livell tal-kolesterol.

  8. Qis li jkollok piż xieraq.

Jekk dawn il-bidliet fl-istil ta’ ħajtek mhumiex biżżejjed biex jikkontrollaw il-livell tal-pressjoni tad-demm, it-tabib tiegħek jaf jibdielek xi pilloli li tkun trid teħodhom regolarment.


Punti ewlenin

Il-pressjoni għolja ħafna drabi tkun siekta u mingħajr sintomi.

Importanti tiċċekkja l-pressjoni tad-demm regolarment ħalli tinduna qabel ikun tard wisq.

Ħu l-parir tat-tabib tal-familja tiegħek. 

Għix ħajja sana biex tevita l-pressjoni għolja u tnaqqas kumplikazzjonijiet oħra.


GĦAJNUNA

Jekk għandek xi mistoqsija dwar dan il-fuljett, ikkuntattjana fuq info@maltaheartfoundation.org jew mill-paġna ta’ Facebook tagħna.


Dan l-artiklu ġie miktub minn Dr. Mathias Abela u editjat minn Dr. Neil Grech, b’kollaborazzjoni mad-Dipartiment tal-Malti ġewwa L-Universita ta’ Malta flimkien mal-Malta Heart Foundation u il-Maltese Cardiac Society.