It-Tniġġis fl-Arja
INGLIŻ / MALTI
X’inhu t-tniġġis fl-arja?
It-tniġġis fl-arja jirreferi għall-partiċelli u l-gassijiet fl-arja li huma ta’ ħsara għalina meta nieħdu n-nifs.
Fost dawn insibu l-monossidu tal-karbonju (CO), id-dijossidu tan-nitroġenu (NO2) u l-materja partikulata (taħlita ta’ partiċelli solidi u likwidi bħal trab u nugrufun).
Is-sors primarju tat-tniġġis fl-arja huwa l-ħruq ta’ fuels fossili. Dawn jinħarqu l-aktar mill-karozzi u l-fabbriki.
It-tniġġis fl-arja f’Malta
Lokalment, it-tniġġis fl-arja jikkontribwixxi sostanzjalment għar-rata ġenerali ta’ mortalità. Aktar minn 500 persuna jmutu qabel iż-żmien kull sena. Lokalment, it-tniġġis fl-arja huwa iktar mid-doppju tal-medja Ewropea.
Kif jista’ t-tniġġis fl-arja jagħmel il-ħsara lill-qalb?
It-tniġġis fl-arja jagħmel ħsara lill-vini u jġegħelhom jidjiequ. B’hekk id-demm ma jgħaddix sew u tiżdied il-pressjoni.
Ħsara permanenti fil-qalb tista’ twassal għall-insuffiċjenza tal-qalb.
It-tniġġis fl-arja jfixkel ukoll l-attività elettrika normali tal-qalb u jħaxxen id-demm.
Ħsara bħal din tista’ twassal għal riskju akbar ta’ attakk tal-qalb jew puplesija.
It-tniġġis fl-arja jista’ jkompli jiggrava kundizzjonijiet mediċi oħra bħall-ażma u l-kanċer.
Kif nista’ nevita l-konsegwenzi tat-tniġġis fl-arja u nibqa’ f’saħħti?
Jekk tbati bil-mard tal-qalb, evita kemm tista’ l-arja mniġġsa.
Evita li timxi f’toroq traffikużi jew f’żoni industrijali fejn hemm ħafna fabbriki.
Agħmel il-qadi tiegħek f’ħinijiet aktar kalmi u mhux fl-aqwa tat-traffiku.
Barra minn hekk, huwa dejjem irrakkomandat li tgħix ħajja sana billi ssegwi dawn il-punti importanti:
Ara li jkollok dieta tajba.
Aqta’ t-tipjip – uża s-servizzi lokali li jgħinuk tieqaf tpejjep. Itlob il-parir tat-tabib dwar dan.
Jekk tbati bid-dijabete, ikkontrolla l-livell taz-zokkor.
Naqqas il-konsum tal-alkoħol.
Agħmel l-eżerċizzju regolarment – uża t-taraġ minflok il-lift, imxi sal-ħwienet minflok tmur bil-karozza. Huwa rrakkomandat li tagħmel mill-inqas 150 minuta eżerċizzju ta’ intensità moderata fil-ġimgħa.
Iċċekkja u kkontrolla l-pressjoni.
Ikkontrolla l-livell tal-kolesterol.
Qis li jkollok piż xieraq.
Kif nista’ nnaqqas it-tniġġis tal-arja?
Uża t-trasport pubbliku jew irkeb ma’ ħaddieħor (car pooling).
Uża mezzi tat-trasport tajbin għall-ambjent, bħall-mixi u r-rota, jew investi f’vetturi elettriċi (scooters/muturi/karozzi tal-elettriku).
Il-vetturi elettriċi jistgħu jiġu ċċarġjati mill-ġdid bis-saħħa tal-enerġija rinovabbli, bħall-enerġija solari, tar-riħ jew idroelettrika.
Punti importanti
It-tniġġis fl-arja jirreferi għall-partiċelli u l-gassijiet fl-arja.
Il-karozzi u l-fabbriki huma l-akbar sorsi tat-tniġġis fl-arja.
It-tniġġis fl-arja huwa ta’ ħsara kemm għall-qalb kif ukoll għas-saħħa ġenerali.
Għix ħajja sana u meta tista’, evita l-arja mniġġsa.
GĦAJNUNA
Jekk għandek xi mistoqsija dwar dan il-fuljett, ikkuntattjana fuq info@maltaheartfoundation.org jew mill-paġna ta’ Facebook tagħna.