It-Tipjip

INGLIŻ / MALTI


It-tipjip kif iżidli r-riskju tal-mard tal-qalb?

  • Il-mard tal-qalb huwa l-kawża ewlenija tal-imwiet fil-pajjiżi żviluppati.

  • Madwar waħda minn kull ħames mewtiet relatati mal-mard tal-qalb hi marbuta mat-tipjip.

  • Is-sustanzi kimiċi tat-tabakk iwasslu għal aterosklerożi: l-akkumulazzjoni ta’ plakka fl-arterji tiegħek. Jekk tinstaddlek arterja li twassal id-demm lejn il-qalb jew il-moħħ, jista’ jtik attakk tal-qalb jew puplesija.

  • Pakkett sigaretti kuljum jirdoppja r-riskju ta’ attakk tal-qalb.

  • In-nikotina tas-sigaretti u tal-biċċa l-kbira tas-sigaretti elettroniċi hija sustanza vizzjuża ħafna li żżid ir-rata tat-taħbit tal-qalb u l-pressjoni tad-demm.

  • It-tipjip inaqqas il-livelli ta’ lipoproteina ta’ densità għolja (HDL) (il-kolesterol it-“tajjeb”) u jżid il-kolesterol ta’ lipoproteina ta’ densità baxxa (LDL) (il-kolesterol il-“ħażin”).


Minbarra l-mard tal-qalb, kif inhu perikoluż it-tipjip? 

  • Is-sigaretti fihom aktar minn 7,000 kimika; 70 jew iktar minnhom għandhom il-potenzjal li jikkawżaw kanċer.

  • Min ipejjep jitlef madwar 10 snin minn ħajtu meta mqabbel ma’ min ma jpejjipx.

  • Kull sena f’Malta, iktar minn 460 persuna jmutu minn mard bit-tipjip tat-tabakk.

  • Is-sigaretti jżidu r-riskju tal-kanċer tal-pulmun u l-infezzjonijiet fil-pulmun, u jistgħu jwasslu għal kundizzjoni magħrufa bħala marda pulmonari ostruttiva kronika (COPD). Il-kanċer tal-pulmun huwa l-kawża ewlenija tal-mewt tal-kanċer mad-dinja kollha u disgħa minn kull għaxar każijiet ta’ kanċer tal-pulmun jiġu mit-tipjip.

  • It-tipjip iżid ir-riskju ta’ ħafna tipi oħra ta’ kanċer. Iżid ukoll ir-riskju li tiżviluppa d-dijabete, idgħajjef is-sistema immunitarja, u jnaqqas il-fertilità, fost l-oħrajn.

  • It-tabakk jagħmel ħsara wkoll lil ta’ madwarek minħabba l-effetti tat-tipjip passiv, magħruf ukoll bħala second-hand smoke.


Is-sigaretti elettroniċi huma ta’ periklu?

  • Bis-sigaretti elettroniċi tieħu n-nikotina mill-fwar.

  • Għalkemm dawn is-sigaretti jistgħu jagħmlu inqas ħsara mis-sigaretti komuni, xorta għandhom ir-riskji tagħhom.

  • L-impatt fit-tul tas-sigaretti elettroniċi fuq is-saħħa għadu jrid jiġi stabbilit.

  • Is-sigaretti elettroniċi fihom in-nikotina, li tqabbdek il-leblieba.


X’inhuma l-benefiċċji jekk nieqaf inpejjep?

  • F’temp ta’ 20 minuta, il-pressjoni tad-demm u r-rata tal-polz jonqsu.

  • Wara jumejn, tlieta, is-sens tax-xamm u tat-togħma jitjiebu.

  • Fi żmien ġimagħtejn sa tnax-il ġimgħa, il-pulmun ikun kapaċi jżomm aktar arja, u b’hekk tkun tista’ tieħu n-nifs aħjar u jkollok aktar enerġija.

  • Wara sena, ir-riskju li jaqbdek attakk tal-qalb jinżel b’nofs ta’ min ipejjep.

  • Fi żmien ħames snin sa għaxra, ir-riskju li jkollok kanċer tal-pulmun jonqos bin-nofs; ir-riskju ta’ puplesija u ta’ kanċer fil-ħalq, fil-griżmejn, fl-esofagu u fil-frixa jonqos ukoll.

  • Fi żmien ħmistax-il sena r-riskju ta’ mard kardjovaskulari jkun kważi daqs ta’ min ma jpejjipx.


Kif nista’ naqta’ t-tipjip?

  • Ikteb lista ta’ raġunijiet għala trid tieqaf tpejjep.

  • Agħżel data meta se tieqaf u żomm magħha.

  • Tgħallem rażżan il-kilba għat-tipjip billi: tittardja t-tipjip bi tliet minuti sakemm tgħaddi l-leblieba, tixrob tazza ilma, jew tedha b’xi ħsieb ieħor.

  • Ibdel ir-rutina u evita s-sitwazzjonijiet li fihom normalment tpejjep.

  • Armi l-ashtrays u l-lighters. Naddaf id-dar u l-karozza biex teħles mir-riħa tat-tabakk.

  • Żomm rendikont tal-flus li tkun qed tiffranka għax ma tkunx qed tpejjep.

  • Sib l-appoġġ – jekk tfittex l-għajnuna, hemm ċans ikbar li jirnexxilek. Hemm servizzi lokali biex jgħinuk taqta’ t-tipjip.


Liema servizzi ta’ għajnuna nsib lokalment?

Tista’ wkoll tfittex l-għajnuna tat-tabib tal-familja tiegħek, ngħidu aħna, b’terapija ta’ sostituzzjoni tan-nikotina.


Punti ewlenin:

  • It-tipjip iżid sew ir-riskju tal-mard tal-qalb, u jżid ir-riskju ta’ bosta tipi differenti ta’ kanċer u kumplikazzjonijiet oħra.

  • Is-sigaretti elettroniċi għandhom il-periklu tagħhom ukoll, mhux bħalma jaħsbu xi wħud.

  • Qatt mhu tard biex tieqaf tpejjep.

  • Ikkuntattja s-servizzi offruti f’Malta ħalli taqta’ t-tipjip!


GĦAJNUNA

Jekk għandek xi mistoqsija dwar dan il-fuljett, ikkuntattjana fuq info@maltaheartfoundation.org jew mill-paġna ta’ Facebook tagħna.